Kellimna lil Luana Caruana u Vernalise Scicluna, it-tnejn minn Ħaż-Żebbuġ, ta’ San Filep, li minn ta’ età żgħira kellhom in-nar kemm f’qalbhom u kemm f’idejhom għall-festa li tant iħobbu!
Rakkonti u ritratti ta’ Luana Caruana
L-imħabba tiegħi lejn San Filep, il-festa u l-każin kienet fija min dejjem. Rawmet fija din l-imħabba ommi, li hi ukoll kienet tagħmel parti mill-ewwel kumitat tan-nisa fit-12th May Band and Social Club. Tista’ tgħid li qatt ma tlifna festa jew xi attività li kien jagħmel il-każin. Il-piroteknika ukoll kienet parti minn ħajjitna, in-nannu Ġanni (Taċ-Ċakkar) kien wieħed mill-pijunieri, b’mod partikolari fin-nar tal-art. Meta kont żgħira, kont inħobb ngħinu jagħlaq l-iskrataċ, jew inkella indellek il-kolla mal-karta tal-funtani biex imbagħad hu jobromha, kont nistenna bil-ħerqa s-Sibt lejliet il-festa biex immur ħdejh fuq iz-zuntier naraħ jarma it-tapit jew ir-reddiena tat-tifi li fl-aħħar dejjem kien ikollha il-fkieren. Kont naffaxina ruhi narhom itiru fl-arja, illum il-gurnata m’għadomx permessi li jsiru.
Bis-saħħa tar-ragel tiegħi, li tista’ tgħid ltqajna bis-saħħa tal-festa u l-piroteknika, bdejt nagħti sehmi ukoll fil-kamra tan-nar, bħall-immisturar tal-beraq, ippustjar tal-beraq – insomma f’dak kollu li jkun hemm bżonn. Tista’ tgħid li weekends u festi konna nqattgħuhom fil-kamra tan-nar. Sintendi biex stajt nagħmel dan, ġibt il-liċenzja B tal-piroteknika ukoll. Konna tliet nisa fl-istess sena li ġibna liċenzja B tal-piroteknika fl-għaqda tagħna.
Illum il-gurnata, m’għadnix nagħti daqstant għajnuna fil-piroteknika peress li għandi tifla, u sintendi hija il-prijorità tiegħi, però xorta waħda fil-festa ġieli mmur fl-għalqa tal-ħruq naħraq xi murtali u nagħti daqqa t’id. Matul is-sena dan iż-żmien nagħti iktar l-għajnuna tiegħi fis-sezzjoni nisa u fis-sezzjoni tal-media tal-istess għaqda. Tista’ tgħid li l-każin inqisuh it-tieni dar tagħna.
Rakkonti u ritratti ta’ Vernalise Scicluna
Biex ngħiduha kif inhi, sfortunatament, hawn Malta domna naqra biex aċċettajna lin-nisa fil-każini. Ma kinitx faċli minħabba li kont waħda mill-ewwel nisa li bdejt inkun hemm isfel. Imma jien ma qtajtx qalbi għax jien kont u għadni naħdem għall-festa, u għal xejn iktar.
L-aħjar li nibda huwa mill-bidunett, minn ċkuniti fejn, fi kliem ommi, dejjem tgħidli li jien minn dejjem kont nitpaxxa kif kont nisma’ dak il-ħoss tal-banda, il-bomba tal-murtal u tan-nar tal-art ifexfex u jinħaraq! Tgħidli li meta kien jispiċċa kollox u jerħulha lura għad-dar, kont dejjem ninfexx f’bikja sħiħa għax kont inkun irrid nibqa’ hemm.
Jiena bdejt niffrekwenta l-pjazza tar-raħal minn ta’ età żgħira, ta’ 13-il sena. Kif konna naslu l-pjazza, ta’ tfal li konna jien u sħabi l-ewwel nidħlu sal-kazin nixtru xi ħaġa u mbagħad nerħulha għal fuq ir-roundabout. Din kienet ir-rutina ta’ kuljum, u b’hekk konna nħossuna sodisfatti. L-aqwa li dħalna l-każin l-ewwel!
Bħalma kulħadd jaf, ix-xogħol tal-festa jsir matul is-sena kollha u mhux xi xahar qabel tasal il-festa. Sħabi ta’ dak iż-żmien kollha kienu mal-każin t’isfel, u kienu lkoll grupp li jaħdmu n-nar tal-art u tal-ajru, b’hekk dawn dejjem kien ikollhom xi ħaġa x’jagħmlu.
Minn hemm jien bdejt ninżel il-basement, il-post taħt il-każin fejn nippreparaw xi karti jew ħadid għan-nar tal-art. Hemmhekk kienu għallmuni nobrom il-vajina. Din tkun karta ddawwarha fuq ħadida rqiqa u tawwalija u tagħlaqha bil-kolla. Minn hemm ma waqaft qatt, u kull meta jkun hemm xi ħadd li jkollu bżonn xi għajnuna, dejjem mort u fejn nista’ dejjem ngħin. Kemm-il darba anke qgħadt niżba’ l-ħadid tan-nar tal-art. Waħda mill-ikbar xewqat tiegħi kienet li xi darba naħraq in-nar tal-art, xewqa li qtajtha wkoll.
L-għaxqa tiegħi, bħal ta’ ħafna oħrajn, huwa l-briju ta’ mal-marċi, speċjalment dak tal-Ħadd filgħodu, meta wara sena sħiħa xogħol nkunu moħħna mistrieħ li bil-grazzja t’Alla jkun kollox mar b’wiċċ il-ġid, u fl-aħħar ikollna ċ-ċans li nieħdu daqsxejn pjaċir. Naturalment, kull aspett tal-festa jtini pjaċir, u dejjem inkun nixtieq li aħna nkunu l-aqwa u l-aħjar f’kollox. Mhux ta’ b’xejn moħħi dejjem għaddej biex nara x’jista’ jsir biex ngħollu l-kwalità ta’ festa li niċċelebraw! Fost l-affarijiet li ħsibt fuqhom biex isir dan huma, ngħidu aħna, kostumi, sdieri, flokkijiet taċ-ċingi, muturi kbar li jitfgħu l-karti għal waqt il-marċ, bżieżaq kbar, żebgħa ħadra għall-uċuħ, fost ħafna oħrajn. Inservix l-ikel, norganizzax privates, immurx fuq ir-radju… Bażikament, dejjem ngħin fejn nista’ f’dak kollu li jkun hemm bżonn.
Preżentament, ninsab membru fil-Kumitat Ċentrali, però fis-snin ta’ qabel kont membru f’diversi kumitati oħra. Maż-żmien kienet ġietni anke l-idea li noħloq sotto-kumitat għat-tfal u adoloxxenti taħt is-sittax-il sena biex dejjem inressaq uċuħ ġodda lejn din it-tradizzjoni tant għal qalbi, li ma nixtieqha tintemm qatt u qatt.
Cookie | Duration | Description |
---|---|---|
cookielawinfo-checbox-analytics | 11 months | This cookie is set by GDPR Cookie Consent plugin. The cookie is used to store the user consent for the cookies in the category "Analytics". |
cookielawinfo-checbox-functional | 11 months | The cookie is set by GDPR cookie consent to record the user consent for the cookies in the category "Functional". |
cookielawinfo-checbox-others | 11 months | This cookie is set by GDPR Cookie Consent plugin. The cookie is used to store the user consent for the cookies in the category "Other. |
cookielawinfo-checkbox-necessary | 11 months | This cookie is set by GDPR Cookie Consent plugin. The cookies is used to store the user consent for the cookies in the category "Necessary". |
cookielawinfo-checkbox-performance | 11 months | This cookie is set by GDPR Cookie Consent plugin. The cookie is used to store the user consent for the cookies in the category "Performance". |
viewed_cookie_policy | 11 months | The cookie is set by the GDPR Cookie Consent plugin and is used to store whether or not user has consented to the use of cookies. It does not store any personal data. |