fbpx
MIN AĦNA

Kelmtejn dwarna

RITWALI hija stedina biex tfakkar, tgħix u toħloq l-istejjer dwar u madwar ir-ritwali tagħna lkoll bħala Maltin.


Mibni proprju bħala proġett diġitali, RITWALI jgħaqqad stejjer personali, kritika u arti dwar ir-ritwali Maltin f’mappa waħda, b’diversi trejqiet li kollha kemm huma jwasslu għall-iskoperta (jekk mhux riskoperta wkoll) tar-ritwali fuq livell antropoloġiku, kulturali u etnografiku. Filwaqt li qed ninġaggaw pubbliku aktar wiesa’ u noħolqu mappa tal-istejjer tar-ritwali tagħna, nistgħu nitħaddtu dwar l-identità tal-komunitajiet varji, it-tħaddin tal-istess twemmin u oħrajn diversi, l-ispazju pubbliku u l-espressjoni kreattiva.

B’diversi sejħiet miftuħa, RITWALI beda jislet ritratti, vidjows u kull xorta ta’ materjali li joffru rakkonti personali marbuta mar-ritwali, li mbagħad jiġu kkurati u mgħaqqda ma’ arti tradizzjonali u kontemporanja u kitba kritika u kreattiva, biex imbagħad jissawwar kalendarju annwali għar-ritwali tal-gżejjer Maltin.

Bil-ġbir tal-materjal, l-lenti kritika u artistika u l-kalendarju hekk niffurmaw it-tliet pilastri jew, anzi, l-għeruq tal-proġett, li, minn angolu ieħor, jistgħu jitqiesu wkoll il-fjur proprju tal-proġett. Dan għax, b’mod organiku, huma tliet pilastri li huma maħsuba biex jikkontribwixxu lejn xulxin, bħala fażijiet ta’ riċerka u żvilupp fihom infushom:

  1. Il-Ġabra: ta’ memorji u tifkiriet miġbura min-nies li jiffurmaw l-ispirazjoni u l-għeruq għall-kitba, filmat u xogħol artistiku u kritiku ieħor.
  2. Il-Lenti tal-akkademiċi, artisti, prattikanti, dawk reliġjużi u oħrajn b’interess fl-ambitu spiritwali madwar ir-ritwali, li hu marbut mal-ġabra bejniet in-nies hekk kif inkunu flimkien, fl-istess spazju u ħin.
  3. L-Arblu: tad-dati, ħinijiet u ġrajjiet biex noħolqu tessut tar-ritwali kollha li tlifna, għadhom magħna u għadna ngħixu u dawk li għad irridu noħolqu.

Il-proġett huwa maħluq minn Alex Vella Gregory u Giuliana Barbaro-Sant flimkien ma' tim ta' artisti oħra. Oltre mill-għan li dejjem nikkontribwixxu għat-taħdita dwar il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, l-għan ta’ RITWALI bħala proġett huwa li joħloq djalogu bejn l-aspetti differenti tar-ritwali, mil-lenti popolari, kritika, artistika eċċ, fejn dawn il-perspettivi varji jistgħu jgħixu u jsaħħu lil xulxin fuq spazju miftuħ għal kulħadd.

Dan il-proġett huwa megħjun mill-Kunsill Malti għall-Arti.

IKKONTRIBWIXXI